Saturday, January 24, 2009

Kejl ħażin tal-Enemalta

Fl-artiklu li deher fl-aħħar ħarġa ta’ din il-gazzetta ssemma li hemm mijiet ta’ nies li nstabilhom li l-meter tal-elettriku kien qed jaħdem slow. Meta kont nilqa’ l-ilmenti fl-Għaqda tal-Konsumaturi kont iltqajt ma’ żewġ każi bħal dawn fejn familja tkun qed tgħix għall-kwiet f’darha u ssib li tiġi mhedda mill-Enemalta li se jaqtgħulha dan is-servizz jekk ma tħallasx mijiet jew eluf ta’ ewro fi żmien qasir. Dan għaliex skont l-Enemalta l-meter ikun qed jaħdem slow.
L-ewwel diffikultà hi l-biza’ li se jtellgħuhom il-Qorti meta ma għamlu xejn ħażin. Ħadd ma jrid pulizija wara biebu. Nista’ ngħidilkom li għal dawn iż-żewġ familji kienet trawma.
It-tieni diffikultà tkun meta int tibda tiċċekkja u tipprotesta. Ir-raġuni hi li l-kontijiet jinħargu mill-Water Services Corporation. Dawn jgħidulek li għandek tipprotesta mal-Enemalta. S’intendi jgħidulek biex tikteb. Hawn il-problema tikber. Risposta ma tiħux mill-ewwel u l-familja f’dan iż-żmien mingħajr risposta tkun bejn ħaltejn jekk għandhiex tħallas jew le. Fuq naħa tista’ tispiċċa l-Qorti u mingħajr dawl u fuq l-oħra titlef somma flus mingħajr ħtija. Dan speċjalment jekk is-somma tkun kbira. Fil-każi li kont iltqajt magħhom jien, kas minnhom kien fuq l-Lm1,000 u l-ieħor kien fuq it-Lm3,000.
Dawn iż-żewġ familji setgħu jħallsu, iżda d-diffikultà kienet: għaliex għandhom iħallsu qabel ma l-protest tagħhom jinstema’, speċjalment meta jafu li m’għandhomx ħtija? Tara l-ansjetà li tinħolqilhom għaliex fuq naħa jafu li huma m’għandhomx tort u fl-istess ħin jibżgħu li jekk ma jħallsux jistgħu jispiċċaw mingħajr dawl jekk mhux il-Qorti.
Min-naħa l-oħra jafu li jekk iħallsu u jinstab li ma kellhomx tort, flus lura ma jiħdux għaliex jgħidulhom li se jaqtgħulhom is-somma mill-kontijiet ta’ wara. Tista’ toqgħod ċert li għal ħafna, wara li jkunu ġemmgħu Lm3,000 b’sagrifiċċji kbar, ma jiħdux gost li jaraw dawn itiru f’daqqa għax xi ħadd jgħidlek li l-meter li waħħal hu stess kien qed jaħdem slow! Ma nafx familji li jiġu jaqgħu u jqumu jekk jitilfu Lm3,000.
Għaliex għidt li f’dawn il-każi l-konsumaturi m’għandhomx tort? Hemm ħafna raġunijiet iżda l-aktar waħda importanti hi li l-meter hu proprjetà tal-Enemalta u hi responsabbiltà tagħha li tara li dan qed jaħdem tajjeb. Li kieku kien il-konsumatur li għażel il-mudell u kien qed jikkalkula l-ammont ta’ elettriku wżat ngħid missu qagħad attent li l-meter qed jaħdem tajjeb. Imma jekk il-meter għażlitu u waħħlitu l-Enemalta, kif jeħel il-konsumatur li l-meter qed jaħdem slow? U għaliex 12-il sena u mhux 5, 10 jew 20 sena?
L-inġustizzja u l-assurdità ta’ dan kollu taraha jekk timmaġina li għodwa minnhom meta tmur għand tal-grocer dan jgħidlek li għandek tagħtih €500 għaliex il-miżien tiegħu ma kienx qed jaħdem tajjeb għal dawn l-aħħar 12-il sena.
L-inġustizzja hi akbar għaliex jekk hemm meters li jaħdmu slow, żgur hemm meters li għaġġlu aktar milli suppost. Sal-lum għad irrid niltaqa’ ma’ xi konsumatur li rċieva ċekk ta’ eluf ta’ ewro għaliex il-meter kien qed jgħaġġel! Forsi l-Enemalta tista’ tgħidilna kemm il-miljun ewro qassmet f’ċekkijiet bħal dawn!
U hawn terġa’ toħroġ l-ineffiċjenza tal-Awtorità ta’ Malta għar-Rizorsi. X’qed tagħmel biex tara li jkun hemm ġustizzja mal-konsumaturi f’każi bħal dawn?

Published in ILLUM of the

18th January 2009

No comments: