Monday, April 20, 2009

Tghid Ghaliex

Dan l-ahhar kien hemm tlett okkazjonijiet li jindikaw il-protezzjoni li d-Divizjoni tal-Konsumaturi qed tipprovdi bit-taxxi taghna. Id-Divizjoni tal-Konsumaturi hi wahda mir-regolaturi li twaqqfet biex thares id-drittijiet tal-konsumaturi. Illum fejn il-kummerc jahdem bis-sistema tas-Suq, l-importanza ta’ dawn ir-regolaturi kibret ghaliex huma l-unika mekkanizmu pubbliku li ghad fadal biex jipprotegi lill-konsumaturi mill-eccessi tas-Suq.

L-ewwel okkazjoni kienet il-kwistjoni tal-hobz. Dan kien gie liberalizzat. Dan ifisser li l-prezzijiet jistghu jiccaqilqu minghajr il-htiega ta’ permessi mill-Gvern. Id-Divizjoni tal-Konsumaturi harget stqarrija. Jien hsibt li fl-ahhar id-Divizjoni kienet iccaqalqet biex tinforza l-htiega li l-hobz ikun immarkat kull kilo u li l-konsumaturi jhallsu skond l-uzin. Izda l-istqarrija kienet biex tinfurmana li issa l-prezz jista’ jiccaqlaq – xi haga li konna nafu. U ballec hekk gara, ghaliex lanqas lahqu ghaddew ftit jiem li l-prezz tela’.

Li jistaqsu l-konsumaturi, imma kif kull haga li tigi liberalizzata f’Malta, din mal-ewwel toghla? Il-kelma liberalizzazzjoni f’Malta llum saret tfisser gholi fil-prezzijiet minflok li s-suq jahdem ahjar ghall-konsumaturi. Dan ma garax biss f’dan is-settur, izda gara f’kull settur specjalment fis-settur bankarju.

Wara nqalghet kontroversja zghira jekk il-prezz hux ikkontrollat jew le. Il-Ministru Fenech qalilna li d-Divizjoni ser tinvestiga biex tara kif qed jahdem dan is-suq u li l-prezzijiet qed jingabru. Ghandi zewg diffikultajiet. L-ewwel, jekk qatt xi darba hux ser inkunu nafu r-rizultat. Darba diga’ kellna l-weghda li d-Divizjoni kienet ser tinvestiga c-charges li qed ihallsu l-genituri fi skejjel privati bhall-uniformijiet. S’issa ghadna ma smajna xejn minkejja li ghaddiet aktar minn sena. Tghid ghaliex?

It-tieni diffikulta’ tieghi hi kif tista’ tqabbel il-prezzijiet kif gie mwieghed? Fil-prezent, la l-Gvern u wisq anqas il-konsumaturi ma jistghu jqabblu l-prezz. Dan ghaliex il-prezz hu ta’ kull hobza u mhux kull kilo. Issa peress li l-hobza tvarja fl-uzin, ma tistax tqabbel il-prezzijiet. Hu ghalhekk li dan is-suq la qed jahdem u lanqas ser jahdem tajjeb. Sintendi, hawn il-konsumaturi ser ikollhom ihallsu ghal dan. Biex inkun preciz, s’issa naf b’hanut wiehed li qed juri l-prezz u l-uzin li suppost kull hobza fiha. Izda, peress li ma hemmx il-prezz kull kilo ta’ hobz kif titlob il-ligi, xorta ma tistax tqabbel il-prezz mad-daqqa t’ghajn.

L-inqas li stennejt minghand id-Divizjoni hu li jaraw li kull hanut juri l-prezz tal-hobz kull kilo. Bhal ma qal il-President tal-Koperattiva, issa l-hobz qed jinbiegh bhall-haxix. U hekk ghandu jinbiegh. Il-prezz ikun immarkat kull kilo u int thallas skond l-uzin li jkun fiha l-hobza. Izda ghal xi raguni d-Divizjoni dan ma tridx tara li dan isir. Tghid ghaliex?

It-tieni kwistjoni kienet dwar it-tariffi tad-dawl u l-ilma. Il-Membru Palamentari Joe Mizzi, ipprezenta zewg protesti gudizzjarji fejn insista li l-ilment li għamel lid-Direttur tal-Ufficcju tal-Kompetizzjoni Gusta biex jithassru l-avvizi legali dwar it-tariffi l-godda tad-dawl u l-ilma, huwa kaz urgenti li jimmerita azzjoni immedjata minhabba li tezisti sitwazzjoni li hija ta’ pregudizzju serju u rreparabbli ghall-interess ekonomiku generali. Wara zmien waslet ir-risposta. Fi ftit kliem, jekk fhimt sew dak li gie rrappurtat, din kienet tghid li Joe Mizzi ma mexiex mal-proceduri stabiliti. Ghalija din kienet ta’ sorpriza ghaliex jien hsibt li r-risposta kienet ser tkun li wara investigazzjoni, ma kien hemm l-ebda ksur tal-ligi tal-kompetizzjoni gusta jew li azzjoni diga’ ttiehdet. Bir-risposta li nghatat fil-qorti, sal-lum ma nafx jekk id-Divizjoni ghamlitx investigazzjoni. Tajjeb li nghidu li skond il-ligi d-Direttur setghet ghamlet investigazzjoni minn jeddha. Dan ma jidhirx li gara. Tghid ghaliex?

It-tielet kwistjoni li nqalghet kienet dwar il-prezz tal-medicini. Wara li kien hemm hafna pressjoni pubblika dwar il-prezzijiet tal-medicini, il-Gvern kien waqqaf kumitat biex jara li l-prezzijiet huma ‘fair and just’. Dan il-kumitat kien ghamel zmien jahdem u kien wasal biex l-ewwel passi li kellhom jittiehdu kienet li ghallanqas jekk ma nassigurawx li dawn huma ‘fair and just’, nassiguraw li l-prezzijiet huma fil-medja ta’ prezzijiet tal-pajjizi tal-Unjoni Ewropea.

Il-metodu li kellu jintuza biex niehdu l-medja kien li ntghazlu 9 pajjizi – tlieta li kellhom il-prezzijiet taghhom normalment l-aktar gholjin, 3 pajjizi li normalment kellhom il-prezzijiet taghhom baxxi u tliet pajjizi li normalment ikollhom il-prezzijiet taghhom fin-nofs. Kienet ittiehdet lista ta’ medicinali u bdew jigu kkomparati l-prezzijiet taghhom. Dan ix-xoghol kien fdat lid-Divizjoni tal-Konsumaturi. Safejn naf jien kien hemm tnejn min-nies li kienu qed jahdmu fuqha.

Il-mistoqsija tieghi hi ghaliex kien hemm daqstant ftit nies li qed jahdmu fuqha specjalment meta kwistjoni bhal din ghandha daqshekk importanza. Dan ghaliex is-sahha hi wahda mill-aktar affarijiet importanti u jidher li resqin lejn sitwazzjoni fejn il-pazjenti mhux ser ikollhom l-ebda ghajnuna biex jiffinanzjaw din l-ispiza. Tghid ghaliex?

Difficli li nkunu nafu ghaliex ghax ma jkunx hemm twegibiet. Ghalhekk nappella lill-Awditur biex jara ghaliex u jinfurmana. Ma nistennewx rapport bhal tas-soltu li jsemmu l-hela biss. Irridu nkunu nafu jekk ahniex qed niehdu ghal dak li qed inhallsu ghalih meta kkomparat mal-Office of Fair Trading Ingliz. Hekk biss forsi inkunu nafu ghaliex.


Published in Torca 19th April 2009





No comments: