Sunday, July 19, 2009

TUC, Għaqda tal-Konsumatur u Regolaturi

Nirreferi għall-ittra ta’ Michael bit-titlu ‘TUC u Għaqda tal-Konsumaturi’ li dehret fil-ħarġa tal-Ħadd 12 ta’ Lulju. F’din l-ittra hemm tliet punti li huma magħqudin flimkien. L-ewwel hemm l-idea ta’ TUC.


Jien wieħed minn dawk li nemmen li għandna bżonn TUC - għaqda bejn il-unions f’pajjiżna. Hemm ħafna raġunijiet għal dan. Biss nemmen ukoll li għall-futur qrib dan mhux possibbli peress li ċerti mexxejja ta’ unions diġà ddikjaraw pubblikament li ma jemmnux f’din l-idea. Hi sfortuna, iżda, dik hi l-verità.


It-tieni idea magħquda mal-ewwel waħda hi li TUC għandha tifforma għaqda tal-konsumaturi. M’hemm xejn ħażin f’idea bħal din għax għaqda bħal din ikollha r-riżorsi u l-motivazzjoni li tħares l-interessi tal-konsumaturi. Il-unions għandhom interess li dak li jiksbu permezz ta’ ftehim kollettiv, ma jintilifx permezz tal-għoli tal-ħajja. Barra minn hekk, jekk wieħed iħares lejn ċerti għaqdiet tal-konsumaturi f’pajjiżi Ewropej isib li dawn żviluppaw mill-unions u li dawn jaħdmu mill-qrib.


Iżda anki din mhix possibbli. Għaqda bħal din ma tkunx rikonoxxuta fl-Unjoni Ewropea u lanqas fil-Consumers’ International. Dan għax hi ta’ importanza kbira li Għaqda tal-Konsumaturi ma tkunx affiljata mal-unions. Ir-raġuni hi sempliċi. Għaqda bħal din jista’ ma jkollhiex indipendenza f’ċerti setturi li union ikollha interess speċjali.


Hemm it-tielet punt – dak li r-regolaturi jaħdmu sew. Nemmen li llum dan hu l-fulkrum biex f’Malta jkollna ħarsien sew għall-konsumaturi. Illum kulħadd jammetti li parti mill-għoli tal-ħajja ġej minħabba li m’għandniex kompetizzjoni jew m’għandniex biżżejjed. Anki f’dawk l-oqsma bħal komunikazzjoni bit-telefon fejn hemm kompetizzjoni, xorta m’għandniex biżżejjed għaliex il-prezzijiet tagħna huma xorta mill-ogħla fl-Ewropa.


Jekk fejn jidher li għandna kompetizzjoni, xorta għadna lura, aħseb u ara fejn m’hemmx. Dan ġej minħabba li, bħalma qal Michael, ir-Regolaturi f’Malta fallew. Hemm diversi raġunijiet għal dan. Fost dawn insibu li dawn ir-Regolaturi ma tantx jistgħu jkunu indipendenti.


L-ewwel għandek il-liġijiet li waqqfuhom li jxekklu l-indipendenza tagħhom. It-tieni, ir-rwol mogħtija lil xi wħud hi waħda mħawda. It-tielet, għalkemm dawn ir-Regolaturi għandhom nies kapaċi, xorta ma jistgħux iħarsu l-interess tal-konsumaturi għax id-direzzjoni li jirċievu hi żbaljata u indirizzata biex taqdi l-gvern u mhux l-interessi tal-konsumaturi.


Dan għax min imexxi qed jintgħażel mhux minħabba l-kapaċità, il-ħeġġa u l-istamina li jħares l-interessi tal-konsumaturi, iżda minħabba l-kuluri. Ir-raba’ raġuni għaliex mhux qiegħdin jaħdmu tajjeb, għax dawn mhux kontabbli.


Minħabba f’hekk il-konsumaturi Maltin qiegħdin jaqilgħuha darbtejn. L-ewwel darba minħabba l-għoli tal-ħajja u nuqqas ta’ livelli u t-tieni minħabba t-taxxi żejda li qed ikollhom iħallsu għar-Regolaturi li ma jiswewx karlin.

Published in it-Torca 19th July 2009

No comments: