Wednesday, July 21, 2010

Aġenzija tal-Konsumaturi

FL-AĦĦAR elezzjoni kien hemm ħaġa li ż-żewġ partiti ewlenin qablu magħha – it-twaqqif ta’ Aġenzija tal-Konsumaturi. Biss minkejja dan, ftit li xejn kien hemm dettalji dwarha.

Dan il-fatt jindika li ż-żewġ partiti jemmnu li għad fadlilna ħafna x’naqdfu biex inħarsu l-konsumaturi sew mill-eċċessi u n-nuqqasijiet tas-suq. Juri wkoll li l-istrutturi li għandna bħalissa mhumiex qegħdin iħallu l-effett mixtieq.

Tajjeb nagħtu ħarsa ħafifa lejn l-istrutturi statali li għandna bħalissa. Hemm id-Diviżjoni tal-Konsumaturi u l-Kom-petizzjoni. Hemm il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur u hemm l-Awtoritajiet li jirregolaw diversi oqsma. Kollha għandhom funzjoni differenti iżda suppost għandek koordi-nazzjoni bejniethom biex jassiguraw li l-kompetizzjoni taħdem tajjeb għall-ġid tal-konsumaturi.

Għalkemm il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumaturi mhux parti integrali mid-Diviżjoni, jekk se jsir xi tibdil għandna wkoll inħarsu lejn dan il-Kunsill u naraw dwar ir-rwol tiegħu. S’issa dan dejjem kien is-Cindirella u peress li qatt ma kellu flus ivvutati għalih, dejjem kien jiddependi minn fuq id-Diviżjoni jew idur fuq kumpaniji privati biex jagħmel xi ħaġa. Barra dan il-gvern qatt ma tah importanza u ftit li xejn, mit-twaqqif tie-għu, kien ikkonsultat. Barra dan, ir-relazzjonijiet ta’ dan il-Kunsill mal-għaqda tal-Konsumaturi marru għall-agħar. Minflok ra kif jista’ jgħin lill-unika għaqda li hawn aktar jidher li hu moħħu li juża metodi sproporzjonati biex jaqdi dmirijietu. Fuq kollox, dan l-aħħar snin qatt ma kellu l-ħila li jara l-operat tad-Diviżjoni u jara li din qegħda tipproduċi s-servizz meħtieġ.

Fuq l-Awtoritajiet ftit li xejn nistgħu ngħidu ġdid. Huma biss ftit li qegħdin jagħtu kas li tikber il-kompetizzjoni għall-benefiċċju tal-konsumaturi. Il-maġġoranza tagħhom jin-teressahom li jkunu rubber stamp tal-gvern tal-ġurnata. Ħafna minnhom jinħtiġilhom taqliba kbira fit-tmexxija. Sakemm it-tmexxija ta’ dawn ma tkunx inspirata mill-ġid tal-konsumaturi, minkejja li ħafna għandhom ħaddiema kapaċi, ftit li xejn jista’ jittama l-konsumatur lokali li jista’ jilħaq livelli li huma aċċettabbli fl-Unjoni Ewropea.

Niġu issa għad-Diviżjoni tal-Konsumaturi u l-Kompetiz-zjoni. Niftakar madwar xi għoxrin sena ilu meta twaqqaf id-Dipartiment tal-Konsumaturi l-Għaqda tal-Konsuma-turi kienet qalet li hi tippreferi li kieku minflok dipartiment titwaqqaf awtorità li tkun indipendenti fuq il-mudell tal-Office of Fair Trading tal-Ingilterra. Ngħidha ċara. Li kieku dak iż-żmien kellna l-esperjenza ta’ kif qegħdin jimxu ħafna awtoritajiet illum, il-probabbiltà ma konniex nitolbu dan biss għax ħafna minn dawn l-awtoritajiet illum qegħdin jaħdmu qishom dipartimenti tal-gvern – jagħmlu dak li jrid il-ministru. Id-differenza prinċipali hi li barra l-vot li jirċievu mingħand il-gvern (taxxi mħallsa mill-konsumaturi), qegħdin jimponu prezzijiet għas-servizzi li jagħtu lill-konsumaturi bil-konsegwenza li l-konsumaturi qed ikollhom iħallsu darbtejn għall-istess servizz. It-tieni differenza hi, li speċjalment dawk li jmexxu, is-salarji tagħhom m’għandhomx limiti u mhix marbuta ma’ kemm benefiċċji qegħdin iħallu lill-konsumaturi.

Hu għalhekk li jekk din id-Diviżjoni ssir Awtorità hemm bżonn ta’ aktar tibdil li jkun meħtieġ biex din ma ssirx awtorità oħra li minflok tgħin lill-konsumaturi hi piż ieħor mat-taxxi li diġà jġorru.

Biex naraw x’hemm bżonn li jsir tajjeb naraw l-akbar difetti tal-Awtoritajiet li għandna llum. F’okkażjonijiet oħra diġà ktibt li awtorità timxi tajjeb jew le skont min ikun qed imexxiha. Mhix kwistjoni li l-persuna trid tkun ġejja mill-kamp politiku oppost biex titmexxa tajjeb. Min ikun qed imexxi għandu jkollu l-fiduċja tal-gvern u jmexxi fuq il-politika tal-gvern tal-ġurnata. Biss dan ma jfissirx li l-awtorità titmexxa qisha rubber stamp. Min ikun qed imexxi hemm bżonn li jkollu ideat ċari biex imexxi l-aġenda tal-konsumturi.

Preżentament dan hu l-akbar tħassib tal-konsumaturi. Ħarsa lejn il-ġurnali mill-ewwel tintebaħ li l-konsumaturi jridu li l-istruttura taħdem sew, b’mod effiċjenti, tiddeċiedi fi żmien raġonevoli, u b’mod li l-konsumaturi jkunu jafu dak li qed isir. Hu għalhekk li dak li jsir irid jindirizza din il-problema.

Min imexxi jrid ikollu wkoll il-fiduċja tal-konsumaturi. Biex dan isir hemm bżonn li l-konsumaturi jkollhom idea ta’ min ikun se jmexxi din l-aġenzija. Riċentement assistejna għall-metodu li jin-tuża fl-Ewropa meta titwaqqaf kummissjoni ġdida. Min ikun intgħażel mill-President irid iwieġeb lill-Parlament Ewropew biex jassigura li l-persuna magħżula hi tajba u tista’ tmexxi l-qasam li tkun se tmexxi b’mod li jnissel fiduċja. Din is-sistema mhix xi ħaġa ġdida għax ilha tintuża fl-Istati Uniti tal-Amerika. Jekk titħaddem tajjeb, għandha l-benefiċċji tagħha.


Din is-sistema għandha tibda tintuża u jkun tajjeb li għandha tintuża fuq min se jkun qed imexxi din l-aġenzija jew awtorità. Min jintgħażel bħala Chairman u CEO mill-gvern għandu jidher quddiem Kumitat Parlamentari u jwie-ġeb għall-mistoqsijiet tagħhom fuq dak li bi ħsiebu jagħmel u kif għandu l-ħsieb li jmexxi. Kif taħdem is-sistema nafu għax kien hemm coverage kbir meta nħatar John Dalli bħala Kummissarju. B’hekk kulħadd ikun jaf jekk it-tmexxija l-ġdida għandhiex il-‘mindset’ biex imexxi l-aġenda tal-kon-sumaturi ’l quddiem.

Din is-sistema mhux biss għandha l-benefiċċju li l-Parlament ikollu aktar poteri u skrutinju kif qegħdin jintefqu flus il-konsumaturi iżda tnaq-qas ukoll il-formalità ta’ meta jiltaqa’ l-Parlament kollu u għalhekk forsi tonqos l-għebusija ta’ kif jivvutaw. Din forsi hi aktar tama minn realtà iżda hu pass li għandna nieħdu biex forsi l-affarijiet jimxu aħjar għal kulħadd.

Għandha benefiċċju akbar li min ikun se jmexxi jieħu l-messaġġ li dak li jkun qed jagħmel, se jkun kontabbli għalih. Biss bejn id-diskors u l-fatti hemm baħar jikkumbatti. U għalhekk nemmen li barra li din l-aġenzija jkollha l-iskrutinju tal-Parlament, trid tkun kontabbli kontinwament. Biex isir dan, il-Kumitat Parlamentari jrid ikun responsabbli li kontinwament jissorvelja x-xogħol ta’ din l-aġenzija. Mhux biżżejjed li jkollna s-sistema preżenti fejn awtorità tressaq rapport darba fis-sena fil-Parlament u jsir dibattitu li, tista’ tgħid dejjem, jimxi fuq il-linji tal-partiti politiċi u għalhekk ħlief abjad min-naħa tal-gvern u iswed, min-naħa tal-oppożizzjoni, ma nisimgħux. Bis-sistema preżenti kollox jibqa’ kif inhu għax jekk l-affarijiet imorru ħażin għall-gvern tal-ġurnata, dawn ikunu interpretati bħala vot fuq il-gvern u mhux fuq l-awtorità.

Dan il-Kumitat Parlamentari jrid jassumi ċerta responsabbiltajiet tat-tmexxija u sorveljanza. Meta qed ngħid tmexxija, ma jfissirx li dan il-Kumitat imexxi direttament din l-Aġenzija hu iżda indirettament it-tmexxija trid tkun sorveljata. Ir-rapport annwali mhux biss irid ikun fih x’sar tul is-sena, iżda dak li jrid isir is-sena ta’ wara.


Meta qed ngħid x’sar tul is-sena dan irid iqabbel dak li kellu jintlaħaq ma’ dak li sar. B’hekk nistgħu nkunu nafu kemm qiegħda taħdem tajjeb din l-Aġenzija u jekk din hix qiegħda tkun ‘value for money’. Huma l-uffiċjali li jkunu jridu jwieġbu u mhux il-Ministru li taħtu jaqa’ dan il-qasam. B’hekk tispiċċa s-sistema ta’ ħokkli dahri biex inħokk tiegħek. Illum is-sistema taħdem li dawk li jkunu qegħdin imexxu jkunu r-rubber stamp tal-Ministru u jsir biss dak li jmexxi hu. Min-naħa l-oħra, l-uffiċjali jinsabu komdi wara l-kwinti għax hu l-Ministru li jkollu jwieġeb fil-Parlament.

Semmejt li dan il-Kumitat irid ikun infurmat bil-pjan tas-sena li tkun ġejja. Dan iservi biex ikun kejl ma’ xiex tkun imqabbla l-ħidma sena wara. Iżda dan il-pjan ma jridx ikun biss sett ta’ miżuri iżda jrid jgħid il-bażi li fuqu nbena. Bħala eżempju mhux biżżejjed li ngħidu li l-Aġenzija se tara kif qed jaħdem ċertu suq f’Malta, iżda jrid jgħid x’wassalha li jintgħażel dan is-suq u mhux ieħor. B’hekk l-Aġenzija tkun immexxija fuq strateġija biex jissolvew il-problemi li jkunu qegħdin jiffaċċjaw il-konsumaturi.

Il-Kumitat irid ikun proattiv u jekk ikun ippreżentat b’xi rapport dwar xi suq, m’għandux għalfejn jiddejjaq u jara l-operaturi u l-konsumaturi x’għandhom xi jgħidu. Fuq kollox il-Kumitat ma jridx jiddejjaq li jekk jara li hemm xi ħaġa li ma tkunx qegħda taħdem tajjeb tgħajjat lill-Aġenzija biex tispjega għaliex u xi tkun qegħda tagħmel hi. Riċentement kellna l-każ ta’ trasmissjonijiet tal-logħob tal-futbol tat-Tazza tad-Dinja. Il-Kumitat tal-Parlament sejjaħ lill-Awtoritajiet responsabbli kollha biex iwieġbu għaliex inħolqot din is-sitwazzjoni. Il-fatt li ħareġ li l-kumpaniji nvoluti ma fthemux kien pressjoni pubblika biżżejjed li ressaq lil dawk involuti għall-ġid tal-konsumaturi.

Immaġinaw l-effett li jista’ jkollu jekk, per eżempju, min qed imexxi l-Awtorità tar-Riżorsi jissejjaħ biex pubblikament jgħid għaliex l-Awtorità aċċettat li tgħolli l-gass. Lanqas jekk ma jinbidel xejn, il-konsumaturi jkollhom sodisfazzjon ta’ kif ittieħdet id-deċiżjoni u jaraw jekk l-interessi tagħhom ġewx imħarsa.


Suġġett jaħraq ieħor hu l-prezzijiet tal-mediċini. Suġġett bħal dan hu kkomplikat u nistenna li wara li jsir rapport kif qed jaħdem is-suq ikun hemm public hearing fejn l-affarijiet ikunu trasparenti għal kulħadd. Hu b’hekk biss li jistgħu jispiċċaw is-suspetti ta’ wieħed fuq l-ieħor. Barra minn hekk naraw il-fatturi kollha u minn kobbla mħabbla nippruvaw noħorġu soluzzjonijiet.

Hu minħabba dawn l-affarijiet li nemmen li mhux biżżejjed li nagħmlu Aġenzija li jkollha l-forma ta’ Awtorità. Din l-Aġenzija trid tkun kontabbli u l-aħjar mod li tkun kontabbli hi li l-uffiċjali li jkunu qegħdin imexxuha jkunu hekk b’mod pubbliku.

Published in it-Torca of the 11th July 2010

No comments: