Wednesday, March 17, 2010

Flus, Drittijietna, Jum il-Konsumaturi, 2010

Il-krizi finanzjarja li laqtet id-dinja riċentament għadha qiegħda tħalli l-effetti tagħha. L-akbar effetti huma fuq il-konsumaturi, speċjalment dawk li raw it-tfaddil tagħhom jogħsfor mil-lejl għan-nhar. Fil-fatt hu stmat li l-akbar effett kellhom iħallsuh il-konsumaturi. Hu għalhekk li sew il-Consumers’ Interational u l-BEUC, il-vuċi tal-konsumaturi Ewropew adattaw din it-tema. Il-BEUC, min-naħa l-oħra ħarġet sett ta’ proposti. Dawn il-proposti jinkludu:


Regolamenti u superviżjoni effettiva fuq is-sistema finanzjarja
Hemm bżonn ta’ regoli Ewropej li jorbtu aktar il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji għax l-aħħar kriżi wriet li dawn mhumiex kapaċi jikkontrollaw lilhom infushom. Prodotti finanzjarji ġodda hemm bżonn li jkunu evalwati għar-riskju li jġorru. Il-BEUC qiegħda titlob għal regolaturi aktar indipendenti u effettivi biex jaqdu dawn id-dmirijiet fost l-oħrajn:

Jaraw li r-reklamar ikun ġust u fih l-informazzjoni biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet tajba;

Jitwaqqfu prattiċi inġusti bħal prodotti marbuta ma’ xulxin;


Iwaqqfu sistema ta’ infor-mazzjoni biex javżaw lill-konsumaturi fuq ir-riskji li jġorru ċerti prodotti finanzjarji tul iż-żmien, speċjalment meta l-affarijiet ikunu sejrin ħażin.


Informazzjoni aktar f’waqtha u sempliċi fuq il-prodotti finanzjarji
L-informazzjoni għandha tkun miktuba b’mod sempliċi, b’mod li tindika r-riskju, l-volatilità u l-ispejjeż biex il-prodotti offruti jistgħu jkunu mqabbla. Ix-xogħol li qiegħda tagħmel CESR, Committee for European Securities Regulators, hu importanti. Il-metodu modern użat, speċjalment mill-banek hu li jipprovdulek pataflun ta’ informazzjoni teknika biex filwaqt li huma jkunu protetti, il-konsumatur xorta ma jifhem xejn u jkollu jiddependi ħafna drabi fuq pariri ta’ min qed imexxi l-istess prodotti.

Pariri indipendenti

Ir-regolaturi hemm bżonn li jinvestu biex ikun hemm minn jagħti pariri indipendenti bi prezz raġonevoli.


Self responsabbli
Hu importanti li l-bank li jkun qed jislef jassigura li l-konsumaturi jkunu kapaċi li jħallsu d-dejn li jagħmlu. Iżda hemm bżonn ukoll li jkun hemm limitu għal varjazzjoni tal-interessi.


Protezzjoni ugwali fis-suq Ewropew

Is-sistemi ta’ protezzjoni tad-depożiti (Deposit Guarantee Schemes) hemm bżonn li joffru l-istess protezzjoni u li dawn ikunu attrezzati biex iħallsu malajr. Hu b’hekk biss li l-konsumaturi jkunu jistgħu jgawdu mis-Suq Ewropew Wieħed. Dan jgħodd speċjalment għal Malta fejn is-suq hu żgħir u l-kompetizzjoni, speċjalment f’dan il-qasam, hi waħda limitata. Minħabba li ħafna skemi mhux iffinanzjati sew, hu l-konsumatur li qed ikollu jħallas għall-fallimenti permezz tat-taxxi tiegħu minflok l-operaturi stess kif titlob id-Direttiva.


Tmexxija serja u responsabbli

Hemm bżonn ta’ aktar superviżjoni stretta, barra li hemm bżonn ta’ aktar trasparenza u akkontabilità fil-ħlas tal-managers. Hemm il-ħtieġa li dawn il-ħlasijiet ikunu marbuta ma’ kif imorru l-investimenti fuq medda ta’ snin itwal.

Legiżlazzjoni l-istess fuq financial intermediaries

Il-BEUC tisħaq li hemm bżonn li l-ħlasijiet inizjali jispiċċaw filwaqt li hemm bżonn ta’ regoli uniformi fis-Suq Wieħed li jinkludu regoli dwar reġistrazzjoni, kwalifiki, trasparenza u insurance.


Rimedji
Hu kkalkolat li hemm madwar 40% tal-Ewropej li jemmnu li s-settur finanzjarju hu l-aktar wieħed diffiċli biex int tieħu rimedju minħabba li, speċjalment il-banek, għandhom riżorsi u diterminazzjoni biex jaqtgħu qalb il-konsumatur milli jieħu raġun. Għalhekk il-konsumaturi qiegħdin jitolbu biex tkun tista’ tittieħed azzjoni kollettiva (group action) f’dan il-qasam anki fuq livell komunitarju.


Hu żgur li dawn il-proposti se jsibu oppożizzjoni, speċjalment mill-banek u l-istituzzjo-nijiet l-oħra finanzjarji, bl-iskuża li issa l-inqas ħaġa li hemm bżonn hu regolamenti ġodda. L-argument ikompli li jekk isir hekk ir-riċessjoni tkompli.


Dan hu argument sabiħ għax b’hekk terġa’ tintalab il-logħba ta’ Wiċċ nirbaħ jien u Irġejjen titlef int. Dan għaliex li jkun ġara hu l-ewwel daħħluna fi kriżi, wara ħallasna għaliha aħna l-konsumaturi u issa jridu jerġgħu jibqgħu għaddejjin kif kienu biex jerġgħu jagħmlu qligħ kbir.

Jekk jiġri hekk, ikun ifisser li ma tgħallimna xejn.



Nittamaw li dan il-jum ma jkunx bħall-oħrajn

Ħafna paroli sabiħ f’dan il-jum u wara ninsew kollox. Jekk verament nemmnu li rridu nħarsu d-drittijiet tal-konsumaturi nużaw dan il-jum biex dawk li b’xi mod jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet sew lokalment u sew fuq livell Ewropew, jadottaw dawn il-proposti tal-moviment Ewropew tal-konsumaturi biex verament niddefendu l-konsumaturi.

Published in it-Torca on 14thMarch 2010

No comments: