Wednesday, March 17, 2010

Jum il-Konsumaturi 2010 -Flusna, Drittijietna

Il-frażi ‘il-passat mhux garanzija tal-futur’ konna drajnieha mhux ħażin. Tiftaħ stazzjon tat-televiżjoni liema jkun u ma kinitx tgħaddi siegħa mingħajr ma tisma’ r-reklam ta’ xi bank jew aġenzija finanzjarja b’din il-frażi waqt li jħajrek tpoġġi dak li ġemmajt f’xi skema finanzjarja. Illum dawn ir-reklami kważi nixfu għal kollox.


X’ġara? Kulħadd jaf li dan kien riżultat tal-kriżi finanzjarja li laqtet lid-dinja ftit ta’ żmien ilu. Il-fatt li din il-kriżi ma tantx laqtet lis-settur finanzjarju Malti ma jfissirx li l-Maltin ma ntlaqtux. Intlaqtu għax ħafna mill-investiment li kien sar qabel kien fi swieq barranin peress li s-suq tagħna hu żgħir u l-ammont ta’ interessi li kien qed jagħti hu wieħed zgħir meta mqabbel ma’ dak li kont tista’ tikseb barra.


Din is-sena l-Consumers’ International għal Jum il-Konsumaturi għażlet it-tema ‘Flusna, Drittijietna’. Ir-raġuni prinċipali kienet li l-konsumaturi ntlaqtu tliet darbiet minn din il-kriżi. L-ewwel intlaqtu għaliex l-investimenti tagħhom rawhom jiżvintaw. Ħafna minn dawk li kellhom investiti sabu li mhux biss tilfu l-interessi iżda parti sostanzjali minn dak li kienu ġemmgħu.


It-tieni, il-konsumaturi f’pajjiżi oħra kellhom iħallsu wkoll permezz tat-taxxi tagħhom biex isalvaw il-banek u l-istituzzjonijiet li fallew.


Din kienet l-akbar parodija li kien hemm: li min kien imexxi l-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji ma ħarġu l-ebda ċenteżmu minn dawk is-somom kbar li kienu jieħdu f’salarji waqt li l-konsumaturi kellhom jagħmlu dan.


Tajjeb ngħidu li kien l-Istat li kellu jidħol biex jipprova jsalva s-sitwazzjoni. Ħadd minn dawk li kienu jmexxu dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji ma daħħal idu fil-but biex jgħin.


L-istess ġara Malta. Ma smajna bl-ebda bank jew xi istituzzjoni li minnha l-konsumaturi Maltin tilfu, li għamlu xi ċaqliq jew tibdil biex fil-futur l-investimenti tal-konsumaturi jitħarsu. Hu għalhekk li f’pajjiżi oħra, speċjalment fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti, hemm moviment mill-mexxejja tagħhom biex jibdew jikkontrollaw is-salarji fenomenali ta’ dawk li jmexxu l-banek u jdaħħlu aktar kontrolli fuq is-sistema finanzjarja.


It-tielet daqqa li ħadu l-konsumaturi kienet fil-qasam tax-xogħol. Il-kriżi finanzjarja kellha l-effetti tagħha li għadhom jinħassu sal-lum anki f’Malta. Din il-kriżi ssarrfet f’ammonti kbar ta’ telf ta’ impjiegi.


Kien għalhekk ukoll li l-ETUC mhix sodisfatta b’dak li qed jagħmlu l-gvernijiet Ewropej biex jassiguraw li t-tmexxija tal-kumpaniji, anki dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-banek, tissaħħaħ u ssir aktar responsabbli biex ma jmorrux għal profitti ta’ malajr filwaqt li jipperikolaw l-investimenti u d-depożiti tal-konsumaturi u l-impjiegi tal-ħaddiema.
Il-moviment tal-konsumaturi, min-naħa l-oħra, qed iressaq ukoll il-proposti tiegħu. Il-BEUC, il-Vuċi tal-Konsumaturi Ewropej, riċentament ħareġ dokument – Facing up to the Financial Crisis – fejn tressaq sett ta’ proposti konkreti.


Filwaqt li jpoġġi l-ħtija fuq in-nuqqas ta’ regolamenti u superviżjoni fuq is-sistemi finanzjarji, jgħid li l-konsumaturi huma l-grupp lanqas protett, hu l-grupp li għandu d-drittijiet tiegħu l-aktar miksura fit-tħaddim tas-sistema finanzjarja u li l-vuċi tiegħu l-inqas li tingħata importanza meta jittieħdu d-deċiżjonijiet.


Il-proposti mressqa mill-BEUC jinkludu:

•Regolamenti u superviżjoni effettiva fuq is-sistema;

•Informazzjoni aktar f’waqtha u sempliċi fuq il-prodotti finanzjarji;
•Pariri indipendenti;

•Self responsabbli;

•Protezzjoni ugwali fis-suq Ewropew;

•Tmexxija serja u responsabbli;

•Leġiżlazzjoni l-istess fuq financial intermediaries;

•Rimedji effettivi


F’Malta r-regolatur hu l-MFSA. Minkejja x-xogħol siewi mill-MFSA biex jgħinu l-konsumaturi Maltin, il-proposti li qed tressaq il-BEUC huma importanti għax ikomplu jserrħu ras il-konsumaturi lokali.


L-esperjenza qarsa li sofrew ħafna minnhom minħabba l-kriżi finanzjarja ġabet telf ta’ fiduċja kbira mill-konsumaturi fis-swieq finanzjarji u llum qed jibżgħu jixtru prodotti finanzjarji. Illum l-unika skemi li qed iħajru huma dawk fejn għallinqas għandek il-kapital assigurat.


Din il-biża’ qed tagħmilha aktar diffiċli biex il-konsumaturi jinvestu fis-sistema finanzjarja bil-konsegwenza li r-riċessjoni titwal. Biss din il-biża’ tista’ tingħeleb jekk il-konsumaturi jħossu li s-sistema qed taħdem bil-għaqal u li hemm ċerti garanziji.


Hu għalhekk li l-moviment tal-konsumaturi dinji u anki dak Ewropew qed iħeġġeġ biex jidħlu l-miżuri neċessarji biex il-konsumaturi jerġgħu jkollhom il-fiduċja biex ipoġġu dak li jġemmgħu fi skemi finanzjarji li jistgħu jġibu ġid sew lilhom u sew lis-sistema ekonomika kollha.

Published in Illum on 14thMarch 2010

No comments: