Monday, March 19, 2012

Il-prezz tal-ħobż reġa’ għola


Sur Editur,
Żgur li hawn ħafna li jixtru l-ħobż. Biss ma nafx kemm hawn min ittenda li l-prezz qiegħed jerġa’ jvarja. Jien nista’ nitkellem fuq id-ditta li nixtri l-ħobż mingħandha.

Il-prezz ma nbidilx, biss ittendejt li l-ħobża ċkienet. Minn 500 gramma saret bejn 400 u 450 gramma. Dan ifisser li l-prezz żdied mill-inqas b’10%, jew aħjar minn €1.40 l-kilo issa saret €1.55. Bis-suq liberalizzat din id-ditta għandha dritt tgħolli l-prezz. Biss il-konsumaturi għandhom dritt li jkunu jaf kemm hu l-prezz biex iqabbluh ma’ prezzijiet ta’ ħwienet oħ­rajn u jiddeċiedu mingħand min iridu jixtru.

Illum biex jagħmlu hekk il-konsumaturi għandhom bżonn calculator. Dan grazzi għall-Uffiċċju tal-Konsumaturi, fi ħdan l-MCCAA, għax dan, min­ħabba skużi, ma qabilx mal-Għaqda biex il-prezz ikun wie­ħed kull kilo biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jqabbluh faċilment.

Dak li tlabna mhux ta’ barra minn hawn għax il-liġi stess titlob li l-prezz indikat għandu jkun wieħed li l-konsumaturi jku­nu jistgħu jqabbluh ma’ prez­zijiet oħrajn b’mod faċli. Bis-sistema tal-lum bil-kemm tkun taf kemm hu, aħseb u ara kemm se jirnexxielek tqabblu b’mod faċli! Fuq kollox illum lanqas biss tkun taf jekk il-prezz għoliex jew niżilx!

Dan qed iwassal biex il-konsumaturi ma jkunux jafu kemm qiegħda verament tinbiegħ il-ħobża għax qegħdin ikunu mċaħħdin din l-infor­mazz­joni b’mod sempliċi. Mhux ta’ b’xejn is-swieq f’Malta ma jaħdmux u l-konsumaturi jkollhom iħallsu l-ogħla prezzijiet mingħajr lanqas biss jittendu!

Published in Orizzont 15th March 2012

No comments: