Tuesday, March 3, 2009

B’sens ta’ solidarjetà

Jien nemmen li l-Awtoritajiet f’pajjiżna għandhom rwol importanti. Dan għax is-sistema li tintuża fin-negozji hi s-suq. Id-Dipartiment tal-Konsumaturi hu wieħed minn dawn ir-regolaturi.

Mhux l-ewwel darba li kkritikajt dan id-dipartiment għax nemmen li jrid jieħu rwol aktar dinamiku u proattiv. Bħalma dejjem għidt, nemmen li d-difett qiegħed fit-tmexxija u mhux fil-ħaddiema.

Għalhekk, għandi rispett kbir lejn il-ħaddiema ta’ sew din l-awtorità u sew ta’ awtoritajiet oħrajn. Hu għalhekk li nixtieq nuri s-solidarjetà tiegħi ma’ dawn il-ħaddiema.

Hu għalhekk li bqajt skantat li minkejja li hemm kritika sħiħa fil-pajjiż rigward dawn l-awtoritajiet għax mhumiex jaqdu dmirhom, issa għax dawn l-uffiċjali kienu qegħdin jaqdu dmirhom sfaw attakkati. Iżda l-agħar parti hi li l-qorti minflok tat tagħlima lil min jattakka uffiċjal pubbliku waqt il-qadi ta’ dmiru, illiberatu b’kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor. Il-messaġġ li ħareġ lill-pubbliku kien wieħed ċar – li dan it-tip ta’ reat ma kienx wieħed serju.

Allura kif jista’ jkun hemm ħeġġa min-naħa tal-ħaddiema biex dawn jaqdu dmirhom? Jekk il-poplu jrid jieħu ta’ kemm qed iħallas taxxi, irridu nassiguraw li dawn l-uffiċjali jagħmlu dmirhom b’mod ġust, trasparenti u kontabbli, iżda fl-istess ħin b’moħħom mistrieħ li għandhom l-appoġġ ta’ kulħadd, inklużi istituzzjonijiet bħall-Qorti.

Letter published in l-Orizzont, 24 February 2009

No comments: