Wednesday, March 18, 2009

Il-ħmar jikkmanda lil denbu

Is-saga tat-tariffi tad-dawl u l-ilma tidher li ma tista’ tispiċċa qatt. Jekk kien hemm xi ħaġa li ħawdet lil kul­ħadd – għax ħadd ma kien jaf fejn qie­għed – kienet din il-kwistjoni. Dan it-taħwid jidher li ma jista’ jispiċċa qatt.

L-aħħar żviluppi li kien hemm f’din it-taħwida jitfgħu dawl ġdid ta’ kif saru l-affarijiet. Żvilupp li kellna dan l-aħħar kien id-dħul fix-xena tar-Regolatur – l-Awtorità dwar ir-Riżorsi.

L-ew­wel, għal xhur sħaħ din kienet siekta – qisu dawk l-affarijiet li kienu għaddejjin ma kellhomx x’jaqsmu magħha. Wara l-MRA iddaħlet mill-Gvern stess meta l-PM bagħat lill-11-il unjin għandha, wara li dan kien qiegħed jużurpa l-awtorità tagħha għal xhur sħaħ.

Il-11-il unjin bdew jistaqsu lil din l-awtorità dettalji dwar kif il-Gvern wasal għat-tariffi l-ġodda. Biex iraqqgħu l-pannu bil-qara ħamra qabbdu lil kumpanija ta’ ’accountants’ biex tagħmel rapport. Ma kinitx sorpriża li din il-kumpanija qablet mal-kumpanija li kienet tqabbdet mill-Gvern għax it-tnejn huma kumpaniji tal-’accountants’. B’hekk, l-Awtorità qalet, il-kalkoli tat-tariffi li kien ikkalkula l-Gvern kienu tajbin.

Biss din il-bużżieqa mal-ewwel infaqgħet mill-11-il unjin għax dawn, megħjunin mill-ekonomista l-Professur Edward Scicluna, argumentaw li l-metodu jrid ikun differenti minn dak li jikkalkolaw l-’accountants’. Għal dan l-MRA ma kelliex risposta u wara taħditiet oħrajn mal-istess unjins kien jidher li l-Awtorità se tissuġġerixxi lill-Gvern biex dan ibiddel it-tariffi. Iżda lanqas kienu għaddew tliet sigħat wara li l-unjins ħabbru dan, li l-Awtorità ċaħdet li waslet għal dan il-ftehim. Kulħadd għandu moħħ biex jifhem x’seta’ ġara minn wara l-kwinti!



Konsultazzjoni

Hawn wasal l-aħħar żvilupp. L-Enemalta bagħtet numru ta’ principji fuq xiex bi ħsiebha tibbaża t-tariffi fil-futur.

L-Awtorità, minflok qabblet dawn il-principji mal-principji li suppost żviluppat biex tiffissa r-rati, reġgħet waqfet milli tiffissa rati ġodda bl-iskuza li hemm bżonn ta’ konsultazzjoni pubblika. Il-konsultazzjoni kien missa ilha li saret. Barra minhekk tista’ ssir indipendament mid-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fuq it-tariffi.

Din is-sitwazzjoni tikxef ċerti affarijiet:

• Li l-MRA stess, wara dawn is-snin kollha mwaqqfa, għadha ma żvi­­lup­patx prinċipji biex tkun tista’ tirregola t-tariffi f’dan is-suq. Il-probabbiltà hi li la m’għandhiex prinċipji biex tibbaża t-tariffi għal dan is-suq, wisq inqas għandha għal swieq oħrajn. Jekk hu hekk, f’oqsma oħrajn bħal ma hu l-gas, il-konsumaturi, meta se jkollhom jiffaċċjaw monopolju privat minflok wieħed pubbliku, se jerġgħu jsibu regolatur impotenti;

• Li l-MRA qiegħda tagħmel il-konsul­taz­zjoni, issa wara li l-froġa diġà saret. Dan aktar qiegħed iqajjem suspetti li din il-konsultazzjoni hi waħda finta biex jintrebaħ iż-żmien u jkun hemm aktar direzzjoni mill-Gvern;

• Li l-MRA, wara dawn is-snin kollha minflok qiegħda tidderiġi s-suq hi, qiegħda titmexxa minn l-uniku operatur – il-Gvern, permezz tal-Enemalta. Dan ifisser li minflok ħallasna t-taxxi biex ikollna regolatur li jipproteġi l-interessi tagħna, ħallasna biex ir-regolatur iħares l-interessi tal-Gvern li ħatru;

• Li l-konsumaturi qegħdin jiffaċċjaw sitwazzjoni fejn m’għandhomx wisq għażla ta’ proposti għax dawn il-proposti ġejjin mill-uniku operatur u ma fihomx bilanċ. Li kien hemm principji oħrajn stabiliti, in-nies kien ikollhom xelta akbar ta’ għażliet.



Il-proposti tal-Enemalta

L-Enemalta (?!) iddefinixxit ir-rwol tar-Regolatur bħala wieħed li jara li l-Ene­malta ma tagħmilx profitti li mhux raġonevoli. Dan mhux ir-rwol tar-Regolatur. Bħal ma kiteb il-Profes­sur Scicluna, ir-rwol hu dak li tara li jkun hemm kompetizzjoni u t-tħaris tal-konsumaturi. Fejn ma hemmx kompetizzjoni trid tara li l-prezzijiet ikunu komparabbli ma’ dawk fejn hemm. Jekk l-MRA tadotta dan ir-rwol, ma tkun qiegħda tagħmel xejn għajr li tapprova l-inefficjenza li dawk li jmexxu l-Enemalta qatt ma ħadu ħsieb u tkun abbandunat ir-rwol proprja tagħha.

F’dan il-każ, aħjar ma jkollna l-ebda regolatur milli jkollna struttura li tagħti impressjoni li tkun qed tħares l-interessi tal-konsumaturi u fil-fatt ma tkun xejn għajr ‘rubber stamp’ ta’ dak li jrid il-Gvern per­mezz tal-Enemalta.

L-Enemalta ma tistax tagħmel telf. Naqblu, iżda dan isir billi tiżdied l-effiċjenza u mhux billi ngħollu l-kontijiet tan-nies. L-Enemalta trid tirkupra l-ispejjeż kollha. Jekk isir hekk, tkun qiegħda terġa’ tintuża l-formula preżenti. Il-prezz filwaqt li jrid jirifletti l-ispejjez, ma jistax jiddependi fuq­hom. Il-prezz irid ikun simili għall-prez­zijiet li tkun qiegħda tuża kumpa­ni­ja simili tal-Enemalta iżda li tkun qiegħda taħdem f’suq kompetittiv. Hu hawnekk li joħorġu l-ineffiċjenzi. Hu dan il-prezz li jrid jintuza biex l-Enemalta taħdem biex tnaqqas dawn l-ineffiċjenzi.

Dan il-prezz ikun qiegħed ineħħi l-ineffiċjenzi kollha. Bil-metodu preżen­ti hu impossibbli li tkun taf fejn huma l-ineffiċjenzi. Eżempju, il-prezz li bih jinxtara ż-żejt. Dan hu l-aħjar prezz li kien hemm jew li seta’ jinkiseb? Bil-metodu preżenti ta’ kif jin­ħad­mu t-tariffi, jinxtara kemm jinxtara, anki jekk min kien responsabbli ma mexiex tajjeb, il-konsumaturi se jkollhom iħallsu għalih. Dawn l-ineffiċjenzi moħbijin jittieħdu ukoll jekk il-prezz ikun dak li semmejt aktar ‘il fuq.

Biex jitfgħu dell ikrah fuq il-ħaddiema u l-GWU, issemma li dawk l-ineffiċenzi li jinħolqu minħabba ftehim kollettiv ma jkunux inkluzi. Hawn wieħed jistaqsi, minn meta ftehim kollettiv sar iwassal għal ineffiċjenzi. Ftehim kollettiv sura ta’ nies suppost li jwassal għal aktar produttività tal-ħaddiema filwaqt li jġib ġustizzja fuq il-post tax-xogħol. Jekk l-Enemalta tidħol fi ftehim kollettiv bħal dan, id-diriġenti tal-Enemalta jridu jġorru r-responsabbiltà għax qatt ma misshom iffirmaw ftehim kollettiv bħal dan.

Hemm il-principju li l-konsumaturi għandhom iħallsu għal dak l-ammont li huma jikkunsmaw. Prinċipju tajjeb iżda mhux kif qiegħed jitħaddem illum. Hemm żewġ raġunijiet. L-ew­wel għandek l-istima. Bis-sistema tal-istima dan mhux dejjem jiġri speċ­jal­ment jekk fiż-żmien li l-ammont ikun qiegħed jiġi stmat ikun hemm bidla fil-prezz. It-tieni, il-logħob bil-kontijiet hemm bżonn jinqata’ darba għal dejjem. Il-perjodi sti­pu­lati meta għandhom joħorgu l-kontijiet għandhom jinżammu. Il-kontijiet m’għandhomx jinħargu skond il-ka­len­darju politiku.



Bilanċ mal-konsumatur

Iżda biex ikun hemm ġustizzja, il-konsumatur għandu jiġi ggarantit li jingħata kumpens meta ma jingħatax servizz tajjeb jew meta ssir ħsara lill-konsumatur. L-MRA, u mhux l-Enemalta, trid tistabbilixxi standards ta’ kemm irid ikun il-qtugħ ta’ elettriku permessibbli matul sena u anki l-massimu ta’ qtugħ f’lokalità waħda. L-istess meta ssir ħsara lill-konsumaturi, l-MRA trid tistabbilixxi hi l-kriterji meta għandu jkun hemm kumpens.

F’każi bħal dawn irid jinstab mezz biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jieħdu raġun b’mod imparzjali u b’ħeffa. Illum, l-Enemalta hi sew il-prosekutur u l-ġurija.

Dan il-mekkanizmu għandu ukoll jintuża meta jkun hemm xi kwistjoni dwar il-konsum. Mhux sew li l-konsumatur għandu jkun iffaċċjat mit-theddida li se jispiċċa mingħajr ser­-vizz meta jkollu kwistjoni dwar l-ammont. Għalhekk il-ħtiega ta’ mezz effettiv u mgħaġġel biex jiġi deċiż minn għandu raġun.

Tul dan iż-żmien għandu jkun hemm moratorju ta’ meta l-konsumaturi għandhom iħallsu, speċjalment meta l-ammont ikun kbir. Dawn il-kwistjonijiet jinqalgħu ħafna drabi minħabba ‘meters’ li ma jaħdmux jew ma jkunux qegħdin jaħdmu sew. Hu importanti sew għall-konsumatur u sew għall-Enemalta li kwistjonijiet bħal dawn jinqatgħu malajr kemm jista’ jkun.



Min qed imexxi lil min?

L-aħħar parti tal-lista li qiegħda tippro­poni l-Enemalta fil-fatt tiżvela min verament għandu l-poter li jidde­ċiedi. Dan għax l-Enemalta qiegħda tirriserva d-dritt li minħabba raġunijiet ta’ ġustizzja socjali jew ta’ interess nazzjonali tista’ ma timxix mal-prinċipji proposti minnha stess.

Dan minn meta l-Enemalta saret tiddeċiedi hi meta jidħlu prinċipji ta’ ġustizzja soċjali jew raġunijiet ta’ interess nazzjonali? Hawn joħrog ċar li l-id wara dawn il-proposti hi dik tal-Gvern.

Jekk dan hu hekk, ifisser dak li jemmnu ħafna – li r-regolaturi f’Malta huma daħka fil-wiċċ għax huma biss paraventu tal-Gvern. Hu r-regolatur li għandu jkollu d-dritt li jippermetti, għal żmien definit, li l-Enemalta ma tużax il-prinċipji stabbiliti mir-regolatur.

Dan għandu jsir wara li jkun hemm talba u raġunijiet mogħtijin li jkunu aċċettabbli. Ir-regolatur, min-naħa tiegħu, għandu jxandar din id-deċiżjoni u r-raġunijiet li wassluh jie­ħu din id-deċiżjoni u t-tul ta’ żmien.

Dan ma jnaqqas xejn mill-poteri tal-Gvern li jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu. Dawn iżda għandhom ukoll jittieħdu quddiem il-Parlament biex jerġa’ jkun hemm skrutinju. Hekk jimxu l-affarijiet b’mod sura ta’ nies. B’dawn il-me­todi nkunu ukoll qegħdin insaħħu d-demokrazija għax nissalvagwardjaw il-kontabilità, it-trasparenza u li ħadd ma jkollu poter assolut.

L-Enemalta qiegħda tirriserva d-dritt li tiżviluppa principji ġodda u li se tavża lir-Regolatur bihom. Hu dmir tar-Regolatur li jiżviluppa prinċipji ġodda billi jkun sensittiv tar-riper­kussjonijiet tad-deċiżjonijiet tiegħu.

L-MRA ma tistax toqgħod ċiċċi bil-qiegħda u tistenna l-bajtra taqa’ f’ħalqha. Trid tqum mir-raqda li ilha fiha minn mindu twaqqfet, tieħu l-inizjattiva hi, u tara li l-istakeholders kollha jkollhom ’fair deal’. L-Enemalta tista’ tressaq proposti għal konsi­derazzjoni bħal ma jistgħu jagħmlu stakeholders oħrajn.



Kif nistgħu nimxu ’l quddiem?

Hemm numru ta’ affarijiet li hemm bżonn jirranġaw ruħhom. Fost dawn insibu dawn li ġejjin:

• Il-Gvern għandu jbiddel il-liġi tal-MRA biex din tiġi assigurata l-indipendenza tagħha. F’artiklu li deher f’it-Torċa xi xhur ilu, kont urejt xi nuqqasijiet fil-liġi li jorbtu dan ir-Regolatur mal-karru tal-Gvern. Barra dan għandu jkun hemm ċar li r-Regolatur għandu d-dmir li jħares id-drittijiet tal-konsumaturi.

Jekk dan ma jsirx, hu dmir tal-Membri Parlamentari Ewropej Maltin li jressqu lment formali lill-UE. Il-Kummissjoni Ewropea permezz tad-DG Kompetizzjoni tista’ tgħin ħafna. Naf li dan id-DG, ftit aktar minn sena ilu, beda jara kif ir-regolaturi fil-pajjiżi tal-UE qegħdin jaħdmu, peress li dawn huma t-tarka prinċipali f’dinja fejn is-suq hu l-bażi tal-ekonomija.

Tibdil fil-liġi biss mhu se jġib xejn ‘il quddiem. In-nies li jmexxu dawn ir-regolaturi huma l-qofol jekk ikollniex regolaturi sura ta’ nies jew pupazzi tal-gvern li poġġihom. Tajjeb li biex inpoġġu nies fuq dawn ir-regolaturi nużaw il-wegħda li kien għamel il-Partit Nazzjonalista qabel l-aħħar elezzjoni. Nemmen li jekk tintuża tajjeb din il-proposta, ikollna nies li jistgħu jassiguraw li l-konsumaturi għandhom ’fair deal’ filwaqt li tiżdied l-effiċjenza fl-Enemalta.

Li hemm bżonn huma nies li huma professjonisti – li minkejja l-politika tagħhom lesti li jagħmlu dmirhom. Irridu niftakru li l-konsumaturi huma sew Nazzjonalisti u sew Laburisti. Jekk ikun hemm xi ħaġa li tolqot ħażin lill-konsumaturi tkun qiegħda tolqot iż-żewġ naħat. Fuq kollox, il-prova ta’ kull regolatur hi waħda – jekk hux lest li jigdem l-id li titimgħu?!

Pass ieħor hu li r-regolaturi, f’dan il-kaz l-MRA, jibda joħroġ standards għall-Enemalta u entitajiet oħrajn li jaqgħu taħtu fuq diversi affarijiet.

Fil-kaz tal-Enemalta jrid jara kif se jiġu stabiliti l-prezzijiet kif semmejna aktar ‘il fuq. Il-metodu jrid ikun ċar u li jirrifletti l-prezzijiet tal-enerġija f’suq fejn hemm il-kompetizzjoni. Dan għandu jgħodd ukoll għal WSC. Issa hu ż-żmien li nagħmluh u mhux meta tinqala’ kwistjoni minħabba xi żieda kbira fil-prezzijiet. Hemm standards oħrajn, per eżempju, b’kemm hi obbligata l-WSC li taqta’ l-ħela ta’ ilma fis-sistema tad-distribuzzjoni tagħha. Hemm ħafna aktar standards li hemm bżonn jidħlu biex nassiguraw entitajiet li jaħdmu b’effiċjenza, filwaqt li jkun hemm ġustizzja mal-konsumaturi sew bħala konsumaturi diretti u anki ‘taxpayers’.

Hemm affarijiet oħrajn li hemm bżonn jidħlu fis-seħħ. Per eżempju, għaliex m’għandux ikun hemm rap­preżentanti tal-konsumaturi fuq il-bord tal-MRA? Hu b’hekk li jista’ jkun hemm aktar ħeġġa min-naħa tal-MRA biex tidba taħdem b’mod effiċjenti.

Il-Parlament, min-naħa tiegħu, irid jagħmel sehemu ukoll. Hemm bżonn li terġa’ tibda tiddaħħal il-prattika li min qiegħed imexxi dawn ir-regolaturi jagħti rendikont pubbliku anki quddiem il-Parlament. Dan għandu jkollu Kumitati tal-Kamra li jara dawn ir-regolaturi kif qegħdin jaħdmu. Sew ic-Chairman u sew ic-CEO għandhom jidhru quddiem dawn il-Kumitati biex jispjegaw u jwieġbu kif mexxew u jispjegaw il-programm tas-sena li jkun imiss. L-istess għand­hom jidhru n-nies li qegħdin imexxu dawn l-entitajiet tal-Gvern. Ma jistax ikun li min qed imexxi ikun biss kontabbli lejn il-Ministru responsabbli. Irid ikun kontabbli u trasparenti quddiem ir-rapprezentanti tat-‘taxpayers’.

L-aġenda ta’ hawn fuq la hi qasira u lanqas faċli. Iżda hemm bżonn li nibdew biex forsi xi darba naslu. Hemm bżonn l-isforz tal-istakeholders kollha. Sforz biex intejbu l-affarijiet b’mod ippjanat u sistematiku. Irridu nif­hmu li r-rwol tal-istakeholders hu wieħed kontinwu biex intejbu l-affarijiet u mhux biex jispjegaw lin-nies li d-deċizjonijiet li ttieħdu kienu tajbin.

J’Alla li minn din is-saga u froġa tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma joħroġ xi ħaġa tal-ġid sew għall-konsumaturi ta’ dawn is-servizzi u sew għall-ażjendi u l-ħaddiema tagħhom. Biex isir dan hemm bżonn li dan ir-Regolatur jibda jmexxi u mhux jitmexxa minn ħaddieħor.


Published in l-Orizzont of the 10th March 2009

No comments: